{"product_id":"lehen-mix-xaghri-mahqur-9789918200610","title":"Lehen Mix-Xaghri Mahqur","description":"\u003cp\u003ePaul P. Borg qatagħha li jkattar il-valuri tal-letteratura Maltija meta jitkellem f’isem il-magħkus. U f’dawk il-valuri tidher ix-xewqa li l-awtur irid isir bniedem aħjar billi jkun aktar ġenwin miegħu nnifsu.\u003c\/p\u003e\n\n\u003cp\u003eBorg għandu relazzjoni mal-ambjent. Jidher ambjentalist. U dan il-ktieb, Leħen mix-Xagħri Maħqur: Paul P.Borg bl-Ekofilosofija Letterarja, (fost ħwejjeġ oħra) jipprova jifli ftit kif il-letteratura li jikteb Borg tippriserva din l-identità ambjentalista. Imma fil-proċess jikxef il-ħajja ġewwiena f’xogħol l-awtur. Huwa studju organizzat madwar il-letteratura u jikxef il-karatteristiċi tal-istil mentali. Fil-programm għal-letteratura tiegħu l-kelma ssir strument ta’ qawwa u ċarezza fis-servizz tal-kontemporanjetà skont kif jifhimha Borg. Il-kitba tiegħu taqdi ħtieġa għax tesplojtja kondizzjonijiet ta’ mentalità kontemporanja u kull darba toffri perċezzjoni li tħassibna fuq il-mod ta’ ħajja u burdati li nsibu fostna fi żmienna. U mix-xejriet li jixirfu mil-letteratura tiegħu (li spiss tipprova tmerrek il-ħsieb konvenzjonali jew kollettiv) nistgħu nkomplu nikkaratterizzaw lilna nfusna llum.\u003c\/p\u003e\n\n\u003cp\u003eIl-funzjoni ta’ Borg fil-letteratura dejjem tixpruna lill-qarrejja lejn l-eżistenzjaliżmu li jitlob għarfien ta’ xi ħaġa. L-awtur huwa konxju tal-kontemporanjetà tiegħu, u la hemm l-għarfien hemm il-kewn. U l-għarfien (ukoll bħala perċezzjoni) isir fih innifsu l-eżistenza tiegħu fl-isfond tal-kontemporanjetà. Huwa minħabba dan l-għarfien li Borg jaqbeż għan-natura mifġura u jaqbeż għall-umanità muġugħa. L-umanità muġugħa tista’ tkun tarbija riesqa lejn it-tbiċċir qabel ma tixref mill-ġuf, tfajla li tkun irrejpjata għax sabiħa, ġuvni li jgħaddi minn moħqrija ta’ ġenn minħabba t-tendenzi sesswali tiegħu, u bniedem li jkun maħqur jew imxaħħat għax kulturalment differenti. Kull meta xi xejra tal-umanità tkun imkagħbra, imkasbra, imriegħxa, jew imsawta – f’kelma waħda, maħqura – Borg isemma’ leħnu kontra l-kefrija, kontra kull għafsa ta’ ħruxija.\u003c\/p\u003e\n\n\u003cp\u003eIl-Professur Charles Briffa għallem il-Letteratura Maltija u t-Traduzzjoni fl-Università ta’ Malta, u huwa kritiku letterarju, studjuż tal-Malti, u traduttur.\u003c\/p\u003e","brand":"Eduline","offers":[{"title":"Default Title","offer_id":39517107355824,"sku":"9789918200610","price":16.0,"currency_code":"EUR","in_stock":false}],"thumbnail_url":"\/\/cdn.shopify.com\/s\/files\/1\/0412\/1621\/3145\/products\/Lehen-mix-Xaghri-Mahqur-BDL-Books-Cover.jpg?v=1617363997","url":"https:\/\/edulinemalta.com\/products\/lehen-mix-xaghri-mahqur-9789918200610","provider":"Eduline Malta","version":"1.0","type":"link"}